Is-Saltna

Il-bidla essenzjali għall-eżistenza
Għeżież tiegħi,
Fost l-affarijiet li jingħad li qal Charles Darwin hemm dan il-vers: “It is not the strongest of the species that survives, nor the most intelligent, but the one most adaptable to change.”
Evidentement, hu kien qed jgħid dan għall-mod kif l-ħlejjaq tad-dinja żviluppaw tul is-sekli u l-millennji. Dawk li rnexxielhom jinbidlu baqgħu jeżistu u jitkattru, filwaqt li ħlejjaq oħra li sabuha diffiċli biex jaddattaw swaf estinti maż-żmien.
Imma naħseb li dan jgħodd ukoll għall-komunitajiet u l-parroċċi tagħna. Jekk nibqgħu marbutin b’mod agħma ma’ dak li dejjem għamilna, ikollna r-riskju li nibqgħu l-art ... id-dinja timxi u aħna nintesew.
Filwaqt li dak li hu essenzjali għandna ngħożżuh u napprezzawh, il-mod kif nesprimuh u ngħixuh ma fiha xejn ħażin jekk naddattawh skont iċ-ċirkostanzi tad-dinja ta’ madwarna.
Kultant, f’diskussjonijiet fil-presbiterju tal-parroċċa kif ukoll fil-Kunsill Pastorali Parrokkjali jkun hemm proposti li jkun jagħmel sens li nippruvawhom u b’sinċerità nevalwawhom u naraw jekk ikunx validu li nibdlu ċerti affarijiet.
Dan ifisser li se jkun hemm min jaqbel u se jkun hemm min ma jaqbilx. Kultant, l-iktar faċli u l-inqas kontroversjali jkun li tħalli kollox kif inhu, bir-riskju li d-dinja tħallina warajha. Għaldaqstant, nitlobkom li bħala komunità nkunu iktar miftuħin għal proposti bħal dawn biex flimkien, magħqudin bħala familja waħda, inkunu nistgħu naddattaw il-ħidma u l-ħajja parrokkjali tagħna b’serenità bl-iskop li nibqgħu dejjem għas-servizz tal-komunità kollha, sew dawk li huma l-iktar ta’ ġewwa u anke dawk li forsi huma ftit iktar ’il bogħod.



